Editorjal - jikteb l-editur, is-Sur Charles Magro

DIXXIPLINA > KREDIBBILTÀ

L-E.T. Mons. Arċisqof Pawl Cremona qed jagħmel minn kollox biex ikun qrib in-nies kemm jista’. Dan hu xieraq u sewwa, għax kull kategorija tal-poplu tixtieq li r-ragħaj spiritwali tagħha jkun qribha, biex ikun jaf aħjar kif tgħix, x’taħseb, eċċ., u biex titħeġġeġ aktar għall-Knisja.

Fil-bidu ta’ l-Episkopat tiegħu Mons. Arċisqof beda jagħmel żjajjar lill-Unitajiet Pastorali. Waqt dawn iż-żjajjar kull Parroċċa fl-Unità, b’kull mezz possibbli, ippreżentat ruħha bħala xehda ta’ attivitajiet ma jaqtgħu qatt ma’ diversi kategoriji tal-parruċċani, ibda mit-tfal saż-żgħażagħ u l-anzjani.

Nistħajjel li Mons. Arċisqof beda jserraħa rasu għax fil-ħidma pastorali tiegħu mal-Maltin u l-Għawdxin għandu ħafna għajnuna; għajnuna meħtieġa hafna, għax il-ħidma pastorali f’Malta ta’ llum hi diffiċli sewwa.

Dak li jikkonfondini hu l-fatt li dawn l-attivitajiet ilhom isiru fil-Parroċċi tagħna żmien twil u, minkejja dan, kull ċensiment li jsir dejjem jagħti riżultat agħar minn ta’ qablu għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għadd tan-nies li jiffrekwenta l-Knisja. Nibża li dawk li ma jisimgħux il-Quddies fil-festi u fil-Ħdud mhux qegħdin ’il bogħod mill Parroċċa biss, iżda wkoll imbegħdin mill-Knisja f’kull sens, u minn Alla.

Allura x’jeħtieġ isir? Jeħtieġ li ssir xi ħaġa iktar minn dak li qed isir fil-Parroċċi bħalissa, b’mod immedjat u drastiku. Ħafna minna waħħlu fil-Quddiesa, b’mod speċjali l-Omelija, u tgħidx kemm għamilna riformi!?! Iżda l-Quddiesa m’hix il-marda; hi wieħed mis-sintomi tal-marda. Biex naraw x’inhi t-tirq tal-fejqan, l-ewwel irridu naraw x’inhi l-marda.

Ir-raġuni prinċipali hi li l-Knisja tilfet ħafna mill-kredibbilità tagħha. Kif? Tilfitha għax mhux is-saċerdoti kollha jgħixu s-sejħa u l-missjoni tagħhom skond it-tagħlim tal-Knisja. Kultant dak li jgħallmu u jagħmlu jkun konfliġġenti ma’ dak li titlob minnhom il-vokazzjoni. Tellifnihielha wkoll aħna l-insara, għax meta l-imġieba tagħna fil-Knisja ma tkunx taqbel ma’ dik f’postijiet oħra nitilfu wkoll il-kredibbiltà.

Għalhekk jeħtieġ li l-Knisja tkun injettata b’doża qawwija ta’ dixxiplina, għax mingħajr dixxiplina kulħadd jagħmel li jrid, u mingħajr dixxiplina waqgħu imperi kbar. (Veru li l-Knisja għandha ’l Kristu magħha sa l-aħħar taż-żminijiet.) Nittamaw li l-Knisja, immbagħad, terġa’ takkwista ħafna mill-kredibbilità li tilfet, u magħha jerġgħu lura fi ħdanha ħafna erwieħ.

Mill-President Ġenerali – tikteb parti 1:5 fuq "Bħal ġebel ħaj inbnew f’dar spiritwali".

Mill-Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali – jikteb dwar it-tagħlim ta’ Santa Tereża fejn nidħlu ġewwa fina nfusna u nitolbu sew.

Kamp SajfRapport dwar din l-attività taż-ŻAK.

Mid-Djarju ta’ l-Azzjoni Kattolika f’GhawdexLaqgħa ma’ Mons. Isqof Mario Grech u laqgħat ġenerali fil-Parroċċi.

Lezzjonijiet – Qari, Riflessjonijiet, Tagħlim u Mistoqsijiet għal kull Ġimgħa matul dawn it-Tlett xhur, miktubin minn P. Damian Cachia, O.Carm.

Il-Beatu Papa Ġwanni XXIII – Ħsibijiet u Pariri partikulari.

Il-Vokazzjonijiet Reliġjużi.

Intervista – Ma waħda mill-ewwel membri ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija.

ApprezzamentDun Salv Galea - Don Bosco taż-Żejtun.

Aqra u Aħseb.

Programm tas-sena soċjali ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija.

Irtiri – Tlett irtiri li jittrattaw Il-Fidi, It-Tama u L-Imħabba.