Editorjal - jikteb l-editur, is-Sur Charles Magro

Dun Ġorġ Preca ġie mgħolli għall-qima ta’ l-altari. Din is-sena, propju f’għeluq il-100 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. li waqqaf l-istess Saċerdot, il-Papa Benedittu XVI iddikjara lil Dun Ġorġ Preca ‘Qaddis’.

Għaliex sar ‘Qaddis’ Dun Ġorġ? Ġie ppruvat, bla ebda dell ta’ dubju li, bl-interċessjoni tiegħu, tfajjel Malti fieq minn marda fil-fwied. Dan il-każ ġie studjat sewwa, u l-konklużjonijiet jgħidu li l-fejqan ta’ dan it-tifel ma jistax ikun spjegat jekk mhux b’intervent Divin.

Iżda Dun Ġorġ sar Qaddis għal affarijiet ħafna iktar sempliċi minhekk. Aħna l-Insara Kattoliċi, fil-Magħmudija, nirċievu s-sejħa għall-missjoni. Permezz tal-Magħmudija aħna nsiru membri tal-Knisja Kattolika; iżda Alla jsejħilna biex inkunu membri attivi, billi naħdmu għat-tixrid tas-Saltna tas-Sema ma’ kullimkien.

Dun Ġorġ għex din is-sejħa ħajtu kollha. Matul il-formazzjoni bikrija tiegħu iffamiljarizza ruħu mas-sitwazzjoni mwegħra li kien fiha  t-Tagħlim Nisrani f’Pajjiżna, u, meta Alla mlieh bl-ispirtu, kontra l-kurrent u minkejja kull ostaklu u oppożizzjoni, waqqaf Soċjetà ta’ rġiel u nisa li ddedikaw ħajjithom, bħalma għamel hu, għat-tagħlim tar-reliġjon lit-tfal u lill-poplu kollu Malti.

San Ġorġ Preca hu Qaddis kbir propju għax, fil-ħidma tiegħu u fil-ħidma tas-Soċjetà li waqqaf, aħna l-Maltin sibna mezz biex dak li nemmnu fih jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra u, mal-medda tas-snin il-fidi tagħna, l-ikbar rigal li tana Alla fil-Ħniena u fl-Imħabba tiegħu, titmantna u tissaħħaħ fina lkoll.

Il-ħidma ta’ Dun Ġorġ tgawdi mill-Barka t’Alla. Prova ta’ dan hu l-fatt li s-Soċjetà li waqqaf, is-Soċjetà tat-Tagħlim Nisrani, illum infirxet ukoll barra minn xtutna, f’iktar minn pajjiż wieħed. Ebda sagrifiċċju m’hu kbir biżżejjed biex jitfi l-ħeġġa li San Ġorġ Preca mela biha lill-membri tas-Soċjetà li waqqaf; ħeġġa għat-Tagħlim Nisrani li tegħleb, saħansitra, ir-rabtiet familjari, il-konfini territorjali u l-għożża għal kull ħaġa li m’hix eterna. Dun Ġorġ stess kien jgħallem: Dak li m’hux etern m’hu xejn.

Il-fatt li Dun Ġorġ sar Qaddis qabel nies li għamlu ħidmiet ta’ fejda kbira mal-bnedmin ħuthom, lil jwassalli messaġġ ċar ħafna: il-priorità u l-importanza li l-Knisja Kattolika tagħti lit-tixrid tal-Kelma t’Alla, permezz tat-Tagħlim Nisrani.

Aħna l-Maltin għandna nfaħħru ‘l Alla, irroddulu ħajr, u nkunu kburin li Alla sejjaħ lil San Ġorġ Preca, Malti bħalna, biex iwettaq fostna l-pjan li Alla, fit-Tjubija tiegħu, ħejja għalina bħala poplu. Jeħtieġ ukoll li nuru bil-fatti li aħna rikonoxxenti għal din il-ħidma tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M., billi nsostnu l-importanza li t-tagħlim tal-membri ta’ din is-Soċjetà għandu fil-formazzjoni nisranija ta’ wliedna u tagħna lkoll.

Mill-President Ġenerali – tikteb fuq il-Formazzjoni Spiritwali.

Mill-Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali – jikteb dwar dak li għadda u x’għandna nagħmlu matul is-sajf.

Għeluq il-45 sena mit-twaqqif ta’ l-S.A.S.Jikteb il-President Dennis Buttgieg.

Lotterjia b’riżq l-Azzjoni Kattolika Maltija – Ir-riżultati tal-lotterija li ttellgħet fil-25 ta’ April 2007.

Mid-Djarju ta’ l-Azzjoni Kattolika f’Ghawdex – Kampanja favur Ambjent Moralment Nadif.

Konferenza ta’ Dun Ġorġ fuq l-Appostolat tal-Lajċi – Diskors li kien għamel Dun Ġorġ lil imseħbin ta’ l-Azzjoni Kattolika waqt Kungress Nazzjonali fl-1946.

W.U.C.U.O Day – Nibnu Kultura ta’ Paċi – Rapport dwar iċ-ċelebrazzjoni li saret fil-Parroċċa ta’ Lourdes.

Laqgħat Distrettwali 2007 – X’ħareġ mit-tlett laqgħat tal-fergħa nisa li saru f’Jannar u fi Frar ta’ din is-sena.

Kummissjoni ‘Morda u Persuni b’Diżabbiltà’ – jikteb is-Sur Paul Mifsud, dwar attività li saret Ħadd il-palm.

Moviment Tarbija fil-Ġuf – jikteb Tony Mifsud dwar Preżentazzjoni taċ-Charter lill-President tar-Repubblika.

Moviment Għalliema Kattoliċi – jikteb il-President James Portelli dwar il-laqgħa li kellhom l-Għalliema ma’ l-Arċisqof il Ġdid.

Aqra u Aħseb – Ħsibijiet varji.

Apprezzament – Paul Galea Curmi, ex-amministratur ġenerali ta’ l-A.K.M.

Ir-Rabta bejn il-Beatu Nazju Falzon, L-Azzjoni Kattolika u l-Bniedem fil-Bżonn.