Editorjal - jikteb l-editur, is-Sur Charles Magro

Is-sena 2007 id-Djoċesi Maltija tibdiha b’Arċisqof ġdid: l-E.T. Mons. Pawl Cremona, O.P. Aħna, li nemmnu li l-għażla tal-Mexxejja spiritwali tagħna ssir fis-Sema, nemmnu wkoll li Mons. Cremona hu l-bniedem addattat fiċ-ċirkostanzi li qegħda tgħix fihom Malta llum, biex imexxi ‘l-merħla ta’ Kristu fil-Gżira tagħna.

Patri Pawl, kif kien magħruf sa ftit ilu, hu reliġjuż imżejjen b’ħafna doni li żgur se jagħmel użu minnhom biex jagħti lil ħajjitna d-direzzjoni fit-triq tal-Verità. Min jafu, ġa daq ħafna mill-għerf li bih hu mżejjen u mill-mod ħelu u attraenti li bih jgħaddi minn dan il-għerf lil ħaddieħor, b’tali mod li min jisimgħu ma jistax ma jinġibidx lejh u ma jirriflettix fuq dak li jkun qal.

Għalina, il-Membri ta’ l-Azzjoni Kattolika, il-ħatra ta’ Arċisqof ġdid għal Malta hi avveniment ta’ l-akbar importanza. L-Għaqda tagħna twieldet biex tkun l-id il-leminija tal-Ġerarkija tal-Knisja fix-xandir tal-Kelma t’Alla u fil-ħidma għat-tixrid tas-Saltna t’Alla. L-Azzjoni Kattolika Maltija għandha trodd ħajr ‘l Alla għal dak kollu li rnexxielha twettaq spalla ma’ spalla ma’ l-Isqfijiet ta’ qabel dan, u issa toffri l-lealtà sħiħa lejn Mons. Cremona, l-Arċisqof ta’ Malta, li żgur se jnissel fil-Knisja Kattolika f’Malta, u wkoll fl-Azzjoni Kattolika, entużjażmu ġdid u metodi partikolari addattati għaż-żmien ta’ llum, biex ilkoll kemm aħna naħdmu flimkien għat-tiġdid u t-tisħiħ tal-valuri nsara fost il-poplu tagħna.

Minn din il-paġna rroddu ħajr mill-qalb lill-E.T. Arċisqof Emeritus. Ġużeppi Mercieca, għal dak kollu li għamel magħna b’mod kollettiv u wkoll b’mod individwali, iktar u iktar meta wriena ħafna drabi kemm l-Azzjoni Kattolika kienet, u għadha, għal qalbu. Aħna persważi li l-Missier Etern japprezza b’mod ħafna ikbar minn tagħna dak kollu li għamel Mons. Mercieca magħna lkoll matul l-episkopat tiegħu u tul ħajtu kollha, u jgħoddulu b’mertu kbir għall-ħajja ta’ wara din.

Fl-istess waqt, l-Azzjoni Kattolika tilqa’ bil-ferħ kollu l-ħatra ta’ l-Arċisqof il-ġdid, l-E.T. Mons. Pawl Cremona, O.P., toffrilu l-lealtà sħiħa tagħha u twegħdu li, bħalma għamlet fl-imgħoddi, twettaq il-ħidma tagħha f’komunikazzjoni intima u f’komunjoni miegħu u mal-Knisja Kattolika. Aħna nawguraw episkopat li minnu tissaħħaħ u toħroġ iktar qawwija r-Reliġjon Kattolika f’Malta, għax nemmnu li hi l-unika soluzzjoni għall-problemi attwali li għandu l-poplu Malti.

Mill-President Ġenerali – tikteb fuq ‘Komunità li Taqdi u Tmexxi l-Quddiem f’Solidarjetà.

Mill-Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali – jikteb messaġġ Lill-Presidenti, Assistenti Ekkleżjastiċi u Membri.

L-Assemblea Ġenerali 2006 ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija

L-Azzjoni Kattolika f’Għawdex – ‘L-Ispirtu s-Santu Jġeddidna’, rapport fuq l-Assemblea fil-Ftuħ tas-Sena Soċjali 2006-7

Kummissjoni ‘Morda u Persuni b’Diżabbiltà’ – jikteb is-Sur Paul Mifsud, appreżament lis-Sur Lewis Portelli u affarijiet oħra.

Fergħa Nisa: Forum Day 2006

Lezzjonijiet – Qari, Riflessjonijiet, Tagħlim u Mistoqsijiet għal kull Ġimgħa matul dawn it-Tlett xhur, miktubin minn P. Damian Cachia, O.Carm.

Mill-Kummissjoni ‘Romol’ ta’ l-AKM – aħbarijiet miktubin mis-Sinjura Carmen Abela

Aqra bilmod u Aħseb – Ħsibijiet varji.

Fergħa Nisa: L-Assemblea 2006-2007

Għaliex Flimkien f’Azzjoni?

Skemi għall-Irtiri – Tlett skemi għal dawn it-tlett xhur minn P. Hermann Duncan, O.Carm.