Editorjal - jikteb l-editur, is-Sur Charles Magro

Ftit ilu s-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. organizzat Ġimgħa ta’ Tagħlim fir-raħal fejn noqgħod jien. Minn raħal ta’ 12000 ruħ, attendejna biss xi 50 – anqas il-Membri kollha tal-Għaqdiet reliġjużi li għandna fil-Parroċċa!! Possibbli li dawk in-nies li m’attendewx ħassew li m’għandhomx aktar x’jitgħallmu? Ħassew li jafu kollox? Li wieħed ma jattendix darba minn ħamest ijiem tiftiehem b’xi mod, iżda li wieħed ma jattendix anqas darba waħda biss hu sinjal ta’ indifferenza fil-ħwejjeġ t’Alla, jew agħar minhekk, arroganza, għax dak li jkun jaħseb li hu infurmat fuq kollox u li m’għandux bżonn jitgħallem aktar.

Dan hu wieħed mill-iżjbalji l-aktar orrendi li qegħdin ngħixu llum fil-ħajja. Malli t-tfal jagħmlu l-Griżma ta’ l-Isqof ħafna mill-ġenituri (huma mhux uliedhom) jaħsbu li wliedhom jafu biżżejjed fuq ir-reliġjon, u li ħadd minnhom m’hu se jsir Qassis jew Reliġjuż/a. Minn kollox jagħmlu għall-formazzjoni akkademika, fiżjoloġika u kulturali tat-tfal, iżda konvinti li wliedhom la għandhom bżonn issa, u anqas qatt m’huma se jiġu bżonn formazzjoni nisranija.

U min qed ibati minħabba din l-idea diżastruża? L-aktar li qegħdin ibatu huma l-ġenituri nnifishom. Kieku taw formazzjoni nisranija b’saħħitha lil uliedhom, kieku m’hawnx daqstant ġenituri b’qalhom maqsuma, m’hawnx daqstant ġenituri mheddijin, imsawwtin u misruqin minn uliehom stess.

Qed tbati wkoll is-soċjetà. Jagħtini li naqla’ kulma jkolli fl-istonku meta nisma’ ċerti nies jitkellmu fuq affarjiet tar-reliġjon. Għal dawn, il-Qassisin u r-Reliġjużi huma kollha pedofili, kollha jgħixu minn fuq dahar in-nies u, minflok iressqu lin-nies lejn il-Knisja, b’ħajjithom ma jagħtux ħlief skandli. Dawn jaħsbu li jafuh aktar mill-Papa, aktar mill-Arċisqof u aktar mill-Kappillan. Fl-okkażjonijiet fejn jistgħu jitgħallmu dawn ma jidhru qatt, għax il-bniedem ta’ llum hu wisq aljenat mill-veru ġid, u qed jipprova jgħix mingħajr Alla, b’dannu enormi għalih innifsu.

Imbagħad, aħna, il-Membri tal-Għaqdiet reliġjużi, imissna nafu li l-formazzjoni ttul matul ħajjitna kollha. Il-bniedem qatt m’hu ffurmat biżżejjed, la l-lajċi u anqas ir-Reliġjużi. Smajna kemm Qassisin kif ukoll Patrijiet li għamlu ħafna żbalji meta tkellmu fuq ir-Reliġjon. Kulħadd għandu bżonn ta’ formazzjoni nisranija tajba, qawwija u kontinwa. Minkejja l-ħafna Aġenziji (Sedqa, Appoġġ, eċċ.) li għandna Malta, mhux se nsibu tarf tal-problemi tad-droga, ta’ l-użura, tas-serq sfaċċat, ta’ l-isfruttar, tal-prostituzzjoni, tal-pedofilija, tas-sess bla rażan, eċċ., jekk m’aħniex se nimbarkaw fuq proċess ta’ formazzjoni nisranija, tagħna nfusna l-ewwelnett, imbagħad taċ-ċkejknin tagħna, u wara ta’ l-oħrajn.

Mill-President Ġenerali – tikteb fuq il-Federazzjoni Internazzjonali ta’ l-Azzjoni Kattolika.

Mill-Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali – jikteb dwar l-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta.

L-Azzjoni Kattolika f’Għawdex – Preżentazzjoni tat-tfal lill-Madonna u affarijiet oħra.

Fl-Azzjoni – jikteb is-Sur Martin Chetcuti fuq it-Tkomplija tal-Kampajna Fliemkien f’Azzjoni

Kummissjoni ‘Morda u Persuni b’Diżabbiltà’ – jikteb is-Sur Paul Mifsud, dwar 60 sena ta’ xandir għall-morda.

Lezzjonijiet – Qari, Riflessjonijiet, Tagħlim u Mistoqsijiet għal kull Ġimgħa matul dawn it-Tlett xhur, miktubin minn P. Damian Cachia, O.Carm.

Mill-Kummissjoni ‘SAS’ ta’ l-AKM – party għall-anzjani fid-djar ta’ l-anzjani tal-Knisja

Aqra bilmod u Aħseb – Ħsibijiet varji.

Quddiesa għall-Ġurnalisti

Il-valur tal-Ħajja umana u Life & Faith Comanion – jikteb is-Sur Gino Azisa

Skemi għall-Irtiri – Tlett skemi għal dawn it-tlett xhur minn P. Hermann Duncan, O.Carm.