Din l-esibizzjoni kienet ittellgħet fl-Istitut Kattoliku biex tikkomemora il-75 sena ta' xogħol mill-Azzjoni Kattolika f'Malta.

 

 

1930

Fl-1923 il-Papa Piju XI ħareġ l-Enċiklika Ubi Arcano li biha ħeġġeġ għat-twaqqif ta’ l-Azzjoni Kattolika madwar id-dinja.

Fl-1930, f’Malta, twaqqfet il-Lega Universitaria Cattolica Maltese minn Patri (Prof.) Daniel Callus O.P. L-Arċisqof Mauro Caruana approva l-istatut fi Frar ta’ l-1930.

 

1931

Fil-11 ta’ Ottubru twaqqfet il-Federazzjoni taż-Żgħażagħ Insara ta’ l-Azzjoni Kattolika, u ċ-Ċirkoli ta’ Ħal Balzan, il-Floriana, il-Ħamrun, il-Marsa, in-Naxxar, Ħal Qormi, Senglea u l-Belt Valletta ssieħbu bħala membri.

Fl-ewwel Kunsill Eżekuttiv Ġenerali, l-Avukat Alberto Magri inħatar bħala President Ġenerali u Dun Albert Pantalleresco kien nominat mill-Isqof bħala l-ewwel Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali.

 

1932

L-Arċisqof Mauro Caruana approva l-Istatut tal-Fergħa Xebbiet u s-Sinj. Blanche Tonna Barthet, meqjusa bħala ispiratriċi ewlenija tal-moviment Kattoliku tan-nisa f’Malta, kienet nominata bħala l-ewwel Presidente Ġenerali tal-fergħa.

Imut Mons. Enrico Dandria, wieħed mill-pjunieri ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija. Il-ħidma tiegħu fost iż-żgħażagħ ħalliet bażi soda biex l-Azzjoni Kattolika setgħet tinbena u tissaħħaħ.

 

1933

Il-ġurnal Leħen is-Sewwa jgħaddi f’idejn l-Azzjoni Kattolika Maltija, bl-Avukat Herbert Ganado bħala editur u s-Sur Mikiel Caruana bħala assistent direttur.

 

1935

Iżur Malta l-Kardinal Lepicier biex jippresiedi l-Konċilju Reġjonali ta’ Malta u Għawdex. L-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi jisħqu fuq l-importanza tat-twaqqif ta’ l-Azzjoni Kattolika fil-parroċċi kollha.

 

1939

Tibda t-tieni gwerra dinjija, l-Azzjoni Kattolika Maltija tgħaddi mis-siegħa tal-prova. Il-laqgħat fiċ-Ċirkoli jieqfu, iżda l-membri jagħtu sehem attiv fil-ħidma soċjali u reliġjuża ta’ matul il-gwerra.

 

1940

F’Ottubru Mons. Mikiel Azzopardi inħatar Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali.

 

1943

Bejn il-21 u t-28 ta’ Marzu fl-iskola ta’ Ħal Qormi, jitlaqqa’ l-ewwel kungress tal-Qawmien minn Mons. Mikiel Azzopardi, li beda jlaqqa’ d-diriġenti biex jerġa’ jagħti l-ħajja liċ-Ċirkoli.

 

1944

L-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi japprova l-istatut tal-Fergħa Rġiel.

Nhar il-festa ta’ Kristu Re, l-Azzjoni Kattolika Maltija tiġi kkonsagrata lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.

 

1945

Fl-1 ta’ Lulju, toħroġ għall-ewwel darba Il-Ħuġġieġa, bħala rivista ta’ kull xahar għall-imseħbin kollha ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija. Dun Frans Camilleri jkun l-ewwel editur.

 

1946

L-Arċisqof Mikiel Gonzi japprova t-twaqqif tal-Fergħa Nisa. Is-Sinj. Helen Cachia Zammit tkun innominata bħala l-ewwel Presidente.

B’ċirkolari maħruġa mill-Kurja ta’ l-Arċisqof fil-5 t’April, l-Arċisqof waqqaf Jum l-Azzjoni Kattolika li kellu jibda jitfakkar ma’ Malta kollha nhar Domenica in Albis.

Fid-19 ta’ Lulju saret l-ewwel laqgħa tad-Direttorju Djoċesan ta’ l-Azzjoni Kattolika, f’Palazzo Caraffa, il-Belt Valletta, li kien intgħażel bħala l-uffiċċju ċentrali ta’ għaqda.

 

1947

Mons. A Galea jinħatar Assistent Ekkleżjastiku Provinċjali ta’ l-Azzjoni Kattolika mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex sabiex il-ħidma ta’ l-Azzjoni Kattolika fiż–żewġ gżejjer tkun aktar ko-ordinata.

 

1948

Nhar il-festa tal-Madonna Għajnuna ta’ l-Insara tittieħed id-deċizjoni li f’kull Ċirkolu kellu jitwaqqaf segretarjat biex jagħti servizz ta’ mħabba u għajnuna morali u materjali lin-nies fil-bżonn.

Titwaqqaf il-Kummissjoni Ħidma Morda.

 

1949

Titwaqqaf il-Kummissjoni Ċentrali Emigranti ta’ l-Azzjoni Kattolika.

 

1950

Jitwaqqaf il-Moviment Għalliema ta’ l-Azzjoni Kattolika bil-għan li jgħin lill-membri jtejbu l-formazzjoni spiritwali tagħhom u b’hekk jaqdu aħjar il-missjoni tagħhom fit-tagħlim.

Jibdew jiġu organizzati summer camps għall-ulied ta’ familji numerużi li jgħixu f’ambjenti neqsin mill-arja.

Il-Kummissjoni Djoċesana Emigranti ta’ l-Azzjoni Kattolika tippubblika għall-ewwel darba il-fuljett Lil Ħutna għall-emigranti Maltin imxerrdin mad-dinja, u sena wara tibda tfakkar ukoll Jum l-Emigrant.

Fuq inizjattiva tal-Fergħa Nisa, is-Sinj. Carmen Carbonaro, segretarja Djoċesana ta’ l-istess fergħa, tibda xxandar fuq ir-Rediffusion programm ta’ kull ħmistax iddedikat għan-nisa.

 

1952

Jitwaqqaf il-Moviment Gradwati ta’ l-Azzjoni Kattolika, bil-għan li ssir ħidma ta’ appostolat fost il-klassijiet intellettwali tal-pajjiż.

 

1954

L-Avukat Herbert Ganado jkun innominat mill-Arċisqof bħala l-President Ġenerali ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija.

Titwaqqaf il-Kummissjoni Ċentrali Studji Soċjali ta’ l-Azzjoni Kattolika bil-għan li xxerred it-tagħlim soċjali tal-Knisja fost il-poplu.

 

1956

L-Avukat Herbert Ganado jħalli l-kariga ta’ President Ġenerali u jkun innominat floku s-Sur Mikiel Caruana.

 

1957

Jitwaqqaf il-Barclay’s Bank Staff Catholic Action Group fost l-impejgati rġiel ta’ l-istess bank.

 

1959

L-Azzjoni Kattolika tippreżenta memorandum lill-Arċisqof sabiex tesprimi x-xewqa tagħha li tiftaħ ċentri taż-żgħażagħ (xebbiet u ġuvintur) fil-parroċċi kollha. L-Arċisqof ibierek u japprova l-proġett.

 

1960

L-Azzjoni Kattolika Maltija tieħu sehem attiv fil-festi ċentinarji li jfakkru l-miġja ta’ San Pawl f’Malta.

L-Azzjoni Kattolika Maltija tmexxi s-Sede Ċentrali tagħha minn Palazzo Caraffa għall-Istitut Kattoliku fil-Floriana, wara li għal bosta snin kienet ħabirket bis-sħiħ u ġabret il-fondi biex seta’ jinbena dan il-post.

Is-sala ewlenija fis-Sede ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija issemmiet għall-Arċisqof Gonzi kif kien ġie deċiż fl-1957.

 

1962

Fl-1 ta’ Mejju, l-Arċisqof japprova r-regolamenti għat-twaqqif tas-Segretarjat Parrokkjali Assistenza Soċjali ta’ l-Azzjoni Kattolika. Din l-aħbar ingħatat waqt quddiesa li saret fuq il-Fosos tal-Floriana fil-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem.

Fl-24 ta’ Ġunju tkun inawgurata d-Dar Mater Divinae Providentiae fis-Siġġiewi fuq art li qabel kienet tintuża bħala Royal Naval Rest Camp. L-art u l-bini li kienu jeżistu, l-Azzjoni Kattolika Maltija, bit-tħabrik ta’ l-Assistent Ekkleżjastiku Mons. Mikiel Azzopardi, bidlithom f’opra kbira ta’ karita’ mal-persuni b’diżabilità.

Isir l-ewwel tesserament tal-membri tat-28 Youth Centre li kienu nfetħu mill-Azzjoni Kattolika għal żgħażagħ li ma kienu mseħbin fl-ebda għaqda.

 

1963

Fit-28 t’April, fil-Floriana jkun inawgurat iċ-ċentru San Ġużepp Ħaddiem għas-Segretarjat Ċentrali Assistenza Soċjali ta’ l-Azzjoni Kattolika.

 

1964

Is-Sur Mikiel Caruana, li s-sena ta’ qabel kien ingħata l-onorifiċenza Pro Ecclesia et Pontifice għall-ħidma kbira tiegħu favur l-Azzjoni Kattolika u l-Knisja f’Malta, jtemm il-kariga ta’ President Ġenerali u floku jinħatar is-Sur Paul Saliba.

 

1965

Ikun ippromulgat Statut ġdid għall-Azzjoni Kattolika b’aġġornamenti u bidliet skond l-ispirtu tal-Konċilju u x-xejriet taż-żminijiet. Bl-approvazzjoni ta’ dan l-Istatut mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, seħħet għaqda sħiħa bejn l-Azzjoni Kattolika taż-żewġ gżejjer.

Il-Gvern Malti jagħti lill-Azzjoni Kattolika Maltija, il-bini u l-propjeta’ li minnha kienet qed topera d-Dar tal-Providenza, b’ċens għal 99 sena. Il-Q.T. il-Papa Pawlu VI jirregala sett ta’ pjaneti u kalċi għal Villa Mons. Gonzi.

 

1968

Mons. Mikiel Azzopardi jħalli l-kariga ta’ Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali minħabba d-dmirijiet ġodda fit-tmexxija tad-Dar tal-Providenza. Bħala ringrazzjament l-Azzjoni Kattolika taħtru Konsultur tad-Direttorju Ġenerali, waqt li b’digriet tas-27 ta’ Marzu, il-Kanonku Ġużepp Bonnici inħatar Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali.

 

1973

Dun Philip Grech innominat bħala Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali.

 

1976

Il-Fergħa Ġuvintur ta’ l-Azzjoni Kattolika. torganizza Seminar Internazzjonali bit-tema It-Taħriġ taż-Żgħazagħ Kattoliċi għal Impenn Soċjali u Politiku, il-Federazzjoni Dinjija taż-Żgħażagħ Kattoliċi.

 

1977

L-Avukat Lawrence Gonzi nnominat bħala President Ġenerali, hekk kif is-Sur Pawlu Saliba ħalla l-kariga tiegħu wara 35 sena ta’ ħidma fl-Azzjoni Kattolika.

Patri Anġeliku Vella nnominat Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali.

 

1980

L-Azzjoni Kattolika Maltija tfakkar il-ħamsin sena mit-twaqqif tagħha.

L-Azzjoni Kattolika tagħti bidu għall-pubblikazzjoni ġdida ta’ kull xahar indirizzata għat-tfal bl-isem Tagħna t-Tfal. Is-Sinj. Mary Puli tieħu ħsieb din l-inizjattiva sa mit-twaqqif tagħha.

 

1987

Fuq stedina ta’ l-Azzjoni Kattolika Taljana (ACI), rappreżentanti ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija attendew għal-laqgħa ta’ talb u riflessjoni li saret f’Ruma fl-istess waqt meta kien qed jitlaqqa’ sinodu dwar Il-Missjoni u l-Vokazzjoni tal-Lajċi fil-Knisja u fid-Dinja.

 

1990

Tibda titwaqqaf il-fergħa Żgħażagħ Azzjoni Kattolika bħala fergħa waħda għall-ġuvintur u x-xebbiet żgħażagħ.

 

1992

L-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi fdaw f’idejn l-Azzjoni Kattolika Maltija t-tmexxija tad-Dar ta’ l-Anzjani Familja Mqaddsa fin-Naxxar.

 

1994

Waqt l-Assemblea tal-Federazzjoni Internazzjonali ta’ l-Azzjoni Kattolika, l-A.K.M tiġi eletta biex tifforma parti mis-Segretarjat tal-Federazzjoni.

 

1996

Issir f’Malta l-laqgħa tal-Fergħa Ewropea tal-Forum tal-Federazzjoni Internazzjonali ta’ l-Azzjoni Kattolika.

Il-fergħa ŻAK torganizza f’Malta il-Eurocontact tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Movimenti Kattoliċi taż-żgħażagħ (FIMCAP). L-istess attivita’ mmirata għal żgħażagħ minn 16 sa 18-il sena, terġa’ ssir f’Malta fl-1998, fl-2001 u fl-2003.

 

1999

Jibda s-Sinodu Djoċesan – L-Azzjoni Kattolika Maltija tagħti sehem sħiħ sa mill-bidu nett.

Titlaqqa’ f’Malta l-Konferenza tal-Fergħa Ewropea tal-FIMCAP magħrufa bħala l-Euro Conference.

 

2000

Membri mill-friegħi differenti ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija jattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tas-sena 2000 f’Ruma.

 

2001

Membri mill-friegħi ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija jagħtu sehem fl-organizzazzjoni u fiċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni taż-żjara tal-Papa f’Malta.